It-Torċa

F’dawn l-aħħar ġimgħat il-Partit Laburista għaddej minn perjodu diffiċli ħafna, forsi huwa l-aktar perjodu diffiċli għalina fl-istorja politika riċenti ta’ pajjiżna. Konsegwenza ta’ dan l-inkwiet tlifna wieħed mill-aqwa mexxejja u Prim Ministri li pajjiżna qatt kellu. Iżda minkejja dawn id-diffikultajiet, il-Partit Laburista jibqa’ partit reżiljenti, għaliex huwa partit kbir li jitmexxa bil-fehma u bil-ħila tal-kotra, kien kiteb Ġuże Ellul Mercer, politiku kbir ieħor tal-Partit Laburista li bħal ħafna mexxejja oħra għadda minn esperjenzi f’epoki oħrajn fl-istorja politika Maltija. Aħna fil-Partit Laburista hekk nemmnu, li mmexxu bil-fehma u bil-ħila tal-kotra u dak li nemmnu nipprattikawh. Is-simbolu tagħna hija t-Torċa, li m’hijiex simbolu frivolu.

Il-fjamma tat-torċa tgħaqqad, issaħħan u ddawwal. It-torċa bdejna nużawha meta l-Partit Laburista taħt Dom Mintoff kien taħt attakk mill-establishment tal-pajjiż. Iż-żmienijiet jinbidlu, il-forzi kontra l-Partit Laburista jibqgħu l-istess,bl-istess fehma u bl-istess saħħa. Dak li għadda minnu l-Partit Laburista matul is-snin qed nerġgħu nesperjenzawh issa wkoll. Inbiddlu n-nies, inbidlet ir-raġuni imma l-għan jibqa’l-istess. Li ma jħallunix niggvernaw. Sfortunatament din id-darba kien hemm minn fostna li tahom il-ħabel.

Għalhekk f’dan il-perjodu kruċjali għall-Partit Laburista irridu nduru madwar it-torċa, bħala simbolu ta’ għaqda. It-torċa ddawlilna moħħna biex nieħdu d-deċiżjonijiet li għandna bżonn nieħdu għal ġid tal-pajjiż u l-partit u fl-istess ħin tqawwilna qalbna li din il-maltempata kbira, tgħaddi u minnha nieħdu t-tgħalimiet li hemm bżonn.

It-tagħlima tal-1998 ħadniha. Partit mifrud qatt ma jista’ jirbaħ elezzjoni għax qatt ma jista’ joffri stabbilta.Nafu x’ġara fl-1998 u nafu il-għala kellna mmorru għal elezzjoni. Dak iż-żmien ukoll kien hemm min tahom il-ħabel, konna fuq sieq waħda u tlifna. L-għaqda ġġib magħha stabbilta.

Il-pajjiż jeħtieġ li jkollu stabbilta u hemm fejn qed jattakkaw elementi estremisti fi ħdan il-Partit Nazzjonlista. Qed jippruvaw joħolqu klima ta’ instabbilta u sa ċertu punt, irnexxilhom joħolqu klima ta’ firda u mibgħeda. L-imħabba tagħhom lejn il-poter hija ferm akbar mill-mibgħeda li għandhom lejna u mill-imħabba li għandhom għall-pajjiz, jekk għandhom nitfa’ mħabba għal Malta. Minn kif qed iġibu ruħhom niddubita!

B’din il-klima qed jippruvaw ixekklu l-progress li konna bdejna nidraw taħt Gvern Laburista. Għax it-torċa hekk tfisser ukoll, ideat progressivi. Fis-snin li għaddew ġibna ħafna progress bid-deċiżjonijiet meħuda mill-gvern. Progress fl-ekonomija, progress fil-libertajiet ċivili, progress fil-ħajja tan-nies u llum għandna soċjeta aktar miftuħa għaliex għandna partit li hu aktar miftuħ. Dan hu l-progess li ġibna u li ma rridux nitilfu minħabba l-azzjonijiet ta’ xi individwi minn fosta.

Il-Partit Laburista huwa bbażat fuq it-tmexxija tal-kotra li f’anqas minn xahar ieħor se tkun imsejħa biex tiddeċiedi min se jkun il-mexxej il-ġdid, min se jmexxi lil Malta fil-kumplament tal-mandat. Għal grazzja t’Alla ma għandnix il-problema li għandu l-PN bħalissa. Għandna kandidatura tajba. F’dan il-mument, ninġabru madwar it-torċa, ningħaqdu, naħsbu u ngħażlu bl-akbar serenita. Għandna l-esperjenza ta’ sitt snin fi-gvern. Ma kienux sitt snin faċli. Għamilna ħafna tajjeb u għamilna ħafna żbalji wkoll. L-assasinju ta’ Daphne Caruana Galizia u dak li ġara sussegwentement, tappan it-tajjeb kollu li għamilna.  Imma ma jfissirx li għamilna kollox ħażin. Konna gvern miftuħ u hekk irridu nibqgħu. Bla dubju li rridu nkunu aktar dixxiplinati magħna nfusna.

Għandna bżonn tmexxija dixxiplinata b’ideat ċari li toffri kontinwita a bażi tal-esperjenza li ksibna fis-sitt snin li għaddew. Għax is-snin li ġejjin huma snin kruċjali. Is-sena 2020 timmarka l-100 sena mit-twelid tal-partit tagħna. Għexna għal ġustizzja soċjali, kasbruna, għajruna, immalfamawna u se jibqgħu jaħdmu kontra tagħna. Għalhekk irridu nkunu sodi kif qatt ma konna qabel għaliex l-attakki se jibqgħu ġejjin fuqna billi se jkunu ilhom disa’ snin ‘l bogħod mill-poter. L-għażla tagħna għandha tibqa’ l-ghaqda. 

Share on facebook
Share on twitter
Share on linkedin
Share on email
Share on whatsapp