Tindifa fl-uffiċju u r-riformi meħtieġa

L-Avukat Victoria Buttigieg għandha tagħmel l-istorja mhux sempliċiment għaliex hija l-ewwel Avukat Ġenerali mara, għalija dak huwa dettall żejjed għax fejn tidħol kompetenza m’għandux ikun hemm differenza bejn irġiel u nisa. Victoria Buttigieg għandha opportunita’ storika li tirriforma l-mod li bih jaħdem l-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali tar-Repubblika partikolarment fejn jidħlu proċeduri fil-qrati, l-aktar dawk ta’ natura kriminali fejn jeħtieġ li l-proċess ma jitwalx iżżejjed.

L-Avukat Ġenerali tar-Reppubblika ta’ Malta, Dr. Victoria Buttigieg

Huwa minnu li l-ġustizzja trid tieħu l-kors tagħha, iżda meta l-ġustizzja ddum ma ssir tkun qed tinħoloq inġustizzja ikbar. Jekk wieħed jieħu l-proċeduri f’każi kriminali, hemm sistemi kif il-proċess isir bi speditezza ħalli ma jgħaddux snin twal.

Kellna każi u għad għandna każi ta’ nies li eżempju ħafna snin ilu xellfu duffrejhom mal-ġustizzja minħabba d-droga għadhom qed jistennew li jgħalaq il-proċess ġudizzjarju. Jew damu ħafna jistennew il-proċes u nel frattemp, irriformaw ruħhom u għemilhom.

Persuna akkużata b’reat kriminali li jiskorri s-sitt snin priġunerija ikun mixli quddiem il-Qorti Istruttorja li tkun preseduta minn Maġistrat li, fi żmien xahar, jkun inkarigat li: 

  1. Jiġbor u jippreserva l-provi fil-kumpilazzjoni;
  2. Jara jekk hemmx raġunijiet biżżejjed sabiex il-persuna imputata titqiegħed  taħt att ta’ akkuża; u
  3. Jekk jinstab li hemm provi biżżejjed prima facie l-atti tal-kawża jintbgħatu għand l-Avukat Ġenerai u jekk ma ssibx provi, l-akkużat ikun illiberat.

Skont l-Artikolu 401 tal-Kapitolu 9 tal-Liġijiet ta’ Malta, li huwa l-Kodiċi Kriminali dan il-proċess fuq deskritt irid jingħalaq fi żmien xahar. F’każ li jinstab li hemm provi prima facie kontra l-imputat u l-atti jkunu intbgħatu għand l-Avukat Ġenerali b’digriet tal-Maġistrat, jiskatta Artikolu 432 tal-Kodiċi Kriminali u l-AĠ ikollu żmien ta’ xahar biex:

  1. Jikteb u joħroġ l-Att ta’ Akkuża kontra l-persuna imputata; jew 
  2. Jekk jara li ma hemmx biżejjed provi joħroġ dik li tissejjaħ nolle prosequi u allura l-każ jieqaf hemm.
  3. Inkella, kif qiegħed jiġri f’ħafna każi, minkejja li jkun hemm provi biżżejjed prima facie, flok joħroġ l-akkuża l-AĠ jibgħat il-atti tal-kumpilazzjoni lura lill-Qorti sabiex tisma iktar provi skont Artikolu 405 tal-Kapitolu 9. 

Illi li qiegħed jiħri hu li l-Avukat Ġenerali invarjabbilment japplika l-Artikolu 405 tal-Kapitolu 9 u jibgħat l-atti tal-kumpilazzjoni lura lill-Qorti tal-Maġistrati sabiex tisma’ iktar provi. Il-Qorti, minkejja li diġa’ jkun hemm provi biżżejjed, tkompli tisma’ l-provi u tibgħat lura lill-AĠ l-atti tal-kumpilazzjoni wara li tkun semgħet il-provi u f’dan l-istadju ma hemm ebda terminu ta’ żmien li fih il-Qorti tista’ ttemm il-ġbir u għalhekk il-proċess kriminali qiegħed jitwal u l-ġustizzja ddum biex issir. 

Għaliex l-Avukat Ġenerali qiegħed ikun il-kaġun li jtawwal il-proċeduri kriminali?

Li l-Avukat Ġenerali jibgħat l-atti tal-kawża lura lill-Qorti biex tkompli tisma’ l-provi għandha tkun l-eċċezzjoni mhux ir-regola. L-Avukat Ġenerali ġdid, li nawgurala kull suċċess fil-kariga tagħha għandha ċans li tagħmel riforma fil-kamp kriminali u jeħtieġ ukoll li tnaddaf l-uffiċċju minn ċerti għanqbut li trabbew.

Share on facebook
Share on twitter
Share on linkedin
Share on email
Share on whatsapp