Għaqal fit-tmexxija

F’kull qasam bqajna naraw xogħol għaddej fuq diversi oqsma li ssarraf f’akar impiegi fost affarijiet oħra. L-impiegi żdiedu bil-provi.

Rapport tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO) dwar is-suq tax-xogħol bejn l-2012 u l-2017, juri li żdiedu b’aktar minn 47,000 il-persuni li kienu qegħdin jaħdmu. Waqt li fl-2012 kien hemm ftit aktar minn 173,000 ruħ b’impjieg, fl-aħħar tal-2017 kien hemm jaħdmu aktar minn 220,000 ħaddiem.

Miċ-ċifri joħroġ li r-rata ta’ attività tal-ħaddiema żdiedet b’aktar minn 8% minn kważi 64% fl-2012 għal aktar minn 72% matul is-sena li għaddiet.

L-NSO jistma li din iż-żieda fis-suq tax-xogħol hija attribwita l-aktar għal żieda fil-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol. Fil-fatt waqt li l-parteċipazzjoni tal-irġiel żdiedet bi kważi 5%, dik tan-nisa żdiedet bi 11.4 fil-mija. Tiftakru x’konna ngħidu ħames snin ilu dwar in-nisa w il-qasam tax-xogħol?

L-inċentivi li ħa dan il-gvern, fosthom iċ-childcare b’xejn u inċentivi oħra, wasslu biex ammont kbir ta’ nisa reġgħu daħlu lura fid-dinja tax-xogħol. Tant li l-istħarriġ juri li l-ammont ta’ nisa li kellhom impjieg full-time  żdied minn 47,000 fl-2012 għal kważi 66,000 fl-2017.

Bħala medja, matul dawn l-aħħar sitt snin, 20% tal-ħaddiema kienu qegħdin jaħdmu fis-settur tas-servizzi waqt li 17% kellhom xogħol professjonali. Id-deċiżjonijiet tal-gvern qed jissarfu f’ġid għan-nies. Ġid mhux biss materjali għax il-familjiet qed jiffrankaw flus it-taxxi u kontijiet u jaqilgħu aktar għax hawn iktar xogħol, iżda għax il-livell tal-għixien għola. Ogħla propjament għax illum hawn iktar xogħol. Bħalma kien hemm żieda fin-numru ta’ nisa, kien hemm ukoll l-akbar żieda reġistrata fejn jidħlu persuni b’dizabbilta.

Dan irnexxilna nagħmluh fl-ewwel ħames snin ta’ dan il-gvern. Jonqos ħafna iktar. Fil-ġimgħat li ġejjin nippublikaw il-pjan finanzjarju tal-gvern għas-sena li ġejja, il-Budget. S’issa dejjem għamilna budgets bla taxxi li stimulaw l-ekonomija u ħolqu x-xogħol.

Qed naħdmu biex ikompli jinħoloq aktar ġid, għaliex mil-ġid igawdi kulħadd għax mix-xogħol li jinħoloq, il-gvern ikollu aktar flus biex ikun jista’ jdaħħal miżuri soċjali tant bżonnjużi bħalissa bħaż-żieda fil-pensjonijiet u benefiċċji oħra għal min għandu bżonn. Dak li tfisser għaqal fit-tmexxija.

S’issa qed nitkellmu biss fuq dak li sar. Issa qed nitkellmu fuq ħolqien tax-xogħol għas-snin li ġejjin hekk kif Malta saret mekka tal-arti diġitali fl-Ewropa kollha. Qed nagħmlu lil Malta, il-kapitali tat-teknoloġiji l-ġodda. Fiż-żmien li ġej il-gvern huwa mpenjat biex ikompli jaħdem ħalli jikseb aktar riżultati.

Għaddejjin tajjeb f’ħafna mill-oqsma u bl-istess mod qed inħares ‘il quddiem biex il-gvern jindirizza l-problema tal-kirjiet li qed jgħolew. Din hija sitwazzjoni li rridu nindirizzaw mingħajr indħil żejjed fis-suq tal-propjeta. Pero s-sitwazzjoni ma jistax ikun li tibqa’ kif inhi llum fejn għandna familji li filli jkunu qed iħallsu kera u f’salt wieħed il-kera tirdoppja b’diffikultajiet li tali deċiżjoni ġġib magħha. Veru li dawn huma nies li qegħdin fil-minoranza. Iżda wara kollox aħna l-uniku partit f’Malta li nagħtu każ il-minoranzi.

Id-deċiżjonijiet li nieħdu llum jaffettwaw mhux biss il-familji llum, iżda jaffettwaw ukoll il-familji ta’ għada. Hekk ikun gvern li jaħdem bil-għaqal, jaħseb għall-lum u għall-ġejjieni.

Share on facebook
Share on twitter
Share on linkedin
Share on email
Share on whatsapp