Faqar fil-Mira

Il-figura ta’ persuni li huma fil-faqar jew fir-riskju tal-faqar reġgħet naqset u dan huwa sinjal tajjeb. Iżda għad baqa’ eluf oħra li għad għandhom bżonn l-għajnuna u għalhekk il-ħidma tagħna għandha tibqa’ tiżdied sakemm il-faqar jinqered. Storikament dejjem kellu jkun Gvern Laburista li jindirizza l-problema tal-faqar li amministrazzjonijiet Nazzjonalisti jkunu daħlu fihom lil familji Maltin.

Is-sitwazzjoni tal-kera hija waħda mir-raġunijiet ewlenin li qed tħalli effett fuq id-dħul tal-familji u għalhekk fuq il-livell tal-għixien tagħhom. L-għafsa tal-kera tinħass l-aktar minn familji u koppji żgħażagħ li llum ma jistgħux jisselfu mill-bank biex jixtru d-dar fejn jgħixu.

Il-qasam tal-kera huwa separat mill-kwestjoni tal-housing soċjali. Dak hu dibattitu ieħor li m’huwiex is-suġġett ta’ dan l-artiklu llum. Għalkemm relatat, mal-housing soċjali, il-qasam tal-kera irridu narawh minn aspett differenti u nibdew inħarsu lejħ bħala parti mis-soluzzjoni fil-ġlieda kontra l-faqar.

Il-prezzijiet tal-kera llum qed jgħolew inkonsiderevolment u ħafna familji ma jifilħuhomx. Il-gvern qed joħroġ miljuni biex ikun jista’ jissussidja l-kirjiet, iżda jżid kemm iżid, mhux se jkun biżżejjed biex ngħinu lill-familji li nqabdu f’dan iċ-ċirku.

Il-liġi tal-kera li se ngħaddu mill-Parlament sa tmiem din is-sena mistennija iżżid id-drittijiet u d-dmijiet tal-inkwilini u s-sidien, iżda mhux se jkollha effett dirett fuq il-prezzijiet tal-kera. Bħala gvern għandna dmir li nintervjenu f’sitwazzjoni fejn eluf ta’ familji huma affetwati b’mod negattiv. Il-Liġi ġdida hija pass fid-direzzjoni t-tajba u għalhekk appoġġjajta fil-Parlament. Iżda bħala gvern irridu nagħmlu iktar speċjalment meta għandna l-banek qed jitfgħu lin-nies fi problemi billi ma jsellfuhomx biex jixtru darhom. Għal familja, ma tfissirx biss saqaf fuq rashom, tfisser stabbilta fil-familja.

Darba kellna bank li kien jismu Lohombus. Għandna bżonn Lohombus ieħor biex iż-żgħażagħ tagħna, jingħataw l-opportunita li jixtru d-dar fejn jgħixu. Jekk il-banek saru parti mill-problema, il-gvern għandu jkun parti mis-soluzzjoni mhux billi jżid is-sussidji, iżda bil-ħolqien ta’ bank ġdid li jista’ jsellef koppji żgħażagħ.

L-ammont ta’ nies li ma humiex sidien ta’ darhom f’Malta huwa anqas minn 20%. Dan l-ammont mistenni jiżdied jekk mhux se nieħdu azzjoni li sservi biex tindirizza l-problema llum u għaż-żmien li gej.

Il-Kottonera u n-nies tagħha huma fost l-aktar milquta minn problemi fil-qasam tal-kera. In-numru ta’ familji li huma sidien ta’ darhom huwa relattivament baxx. L-ogħla rata ta’ familji li huma sidien ta’ darhom tinsab fil-Kalkara billi hija lokalita relattivament ġdida ħdejn it-tliet ibliet tal-Kottonera.

Għaldaqstant f’dawn l-inħawi ta’ Malta nsibu ammont kbir ta’ familji li jikru l-post fejn jgħixu. F’Bormla biss jgħixu 1,334 familji bil-kera, li hija t-tieni lokalità b’rata għolja ta’ kirjiet wara l-Belt Valletta fejn hemm 1,777 post bil-kiri. Madankollu ħafna postijiet bil-kera fil-Belt jintużaw bħala uffiċini.

Għalkemm ħafna minn dawn il-kirjiet huma kirjiet antiki u għalhekk s’issa għadhom protetti, is-sitwazzjoni tista’ tinbidel fiż-żmien li ġej. Jekk il-kirjiet ma jibqgħux protetti, allura il-problema tiżdied konsiderevolment għal ħafna familji.

Żieda fis-sussidji u fil-benefiċċji soċjali m’hijiex l-unika soluzzjoni biex nindirizzaw il-problema tal-faqar. Jeħtieġ li nħarsu lejn soluzzjonijiet differenti biex ħadd ma jinqabad f’xibka li diffiċli joħroġ minnha. Fost affarijiet oħra għandna indirizzaw is-self mill-banek, nindirizzaw il-pagi, nindirizzaw il-ġlieda kontra l-użura u naraw kif nibqgħu noħolqu opportunitajiet ġodda għal dħul diċenti. Il-ġlieda kontra l-faqar m’għandhiex tkun ġlieda tal-gvern, iżda ġlieda ta’ pajjiż. 

Share on facebook
Share on twitter
Share on linkedin
Share on email
Share on whatsapp